top of page

STORJA

Bini tal-Knisja


Ir-raħal ta’ Birkirkara kien u għadu wieħed mill-iktar irħula popolati li nsibu ġewwa Malta. Kien għalhekk li fis-sittinijiet, il-Kapitlu u l-Prepostu tal-Bażilika Sant’ Elena Dun Injazju Sciberras Psaila, bdew ifittxu biċċa art li fuqha tinbena din il-knisja ġdida. Dan sar biex il-ħidma pastorali ġewwa Birkirkara titwettaq aħjar.

 

Il-benefattur ta’ din l-art kien is-Sur Joseph Zerafa li offra biċċa art li tiġi bejn Trejqet Anġlu Mallia (illum magħrufa bħala Triq F. S. Caruana) u Triq il-Bwieraq. Il-pjanti tal-knisja nħadmu mill-periti Mortimer u Degiorgio u ttellgħet mill-imgħallem Abraham Schembri. Fit-12 ta’ Settembru 1965, tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-knisja waqt ċerimonja mmexxija minn Mons Arċisqof Mikiel Gonzi. Tista’ tgħid li x-xogħol fuq il-knisja baqa’ tiela’ b’ritmu mgħaġġel u sentejn wara t-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla, il-knisja kienet kważi lesta. Nhar l-1 ta’ Mejju 1967, ġiet ċelebrata l-ewwel quddiesa f’din il-knisja li kellu jkollha bħala qaddis titular lil San Ġużepp Ħaddiem, u hekk il-knisja saret knisja sagramentali.

 

Fid-29 ta’ April 1968, l-Arċisqof Mons Mikiel Gonzi bierek il-knisja u b’hekk kien tlesta għal kollox il-bini kif ukoll l-attrezzaturi meħtieġa kollha. Sa dan iż-żmien, fil-knisja kien qed isir quddies kuljum b’mod regolari.

Twaqqif ta’ Viċi Parroċċa


Il-bini fiż-żona tal-knisja ta’ San Ġużepp Ħaddiem, iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, iktar beda jikber, u allura nħass aktar il-bżonn li din il-knisja tkun tista’ taqdi l-bżonnijiet spiritwali kollha tan-nies ta’ l-inħawi. Kien għalhekk li fil-15 ta’ Ġunju 1969, Mons Arċisqof Mikiel Gonzi, waqqaf il-knisja bħala Viċi Parroċċa bis-setgħat u d-dmirijiet kollha ta’ Parroċċa. Fl-istess Digriet, l-Arċisqof ħabbar ukoll li kien innomina lil Kanonku Dun Karm Aquilina bħala Vigarju Kurat ta’ din il-Viċi Parroċċa, u wkoll ġew mogħtija lilha l-limiti territorjali tagħha.

 

B’hekk issa l-knisja ta’ San Ġużepp Ħaddiem setgħet tiffunzjona bħala Parroċċa u bdew jiġu ċelebrati l-funzjonijiet ewlenin kollha ta’ matul is-sena liturġika. Il-Vigarju Kurat Dun Karm Aquilina mill-ewwel beda jorganizza l-ħidma pastorali f’din il-komunità l-ġdida. Waħda mill-ewwel ħidma tiegħu kienet il-pubblikazzjoni ta’ fuljett ta’ kull xahar li l-iskop tiegħu kien biex jintlaħaq iżjed malajr l-ispirtu ta’ komunità f’din il-Viċi Parroċċa ġdida.

 

F’dan iż-żmien ukoll fil-knisja ta’ San Ġużepp Ħaddiem bdew isiru l-funzjonijiet liturġiċi kollha li jsiru matul is-sena. Dawn huma:

  • In-novena tal-Milied u ċ-ċerimonja ta’ Lejlet il-Milied.

  • Il-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.

  • L-amministrazzjoni tal-Magħmudija u tal-Griżma ta’ l-Isqof.

  • Il-festa devozzjonali tal-Qalb ta’ Ġesù u tal-Madonna tar-Rużarju.

 

Minħabba li ma kienx hawn faċilitajiet biżżejjed ta’ tagħlim ta’ katekiżmu għat-tfal, infetħet fergħa tal-MUSEUM fi Triq Ganu u bdew isiru lezzjonijiet tad-Duttrina fil-knisja stess biex b’hekk iktar tfal setgħu jintlaħqu.

 

Fit-30 ta’ Marzu 1973, Mons Arċisqof Mikiel Gonzi ħabbar li kien waqqaf il-Viċi Parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem bħala Parroċċa. Fl-istess waqt ħatar lil Dun Karm Aquilina bħala l-ewwel Kappillan tal-Parroċċa. Din l-aħbar intlaqgħet tajjeb ħafna mill-parruċċani u bdew jiġu organizzati diversi ċelebrazzjonijiet f’ġieħ it-twaqqif ta’ din it-tieni Parroċċa ġewwa Birkirkara. Dawn il-festi saru bejn l-Erbgħa 23 ta’ Mejju u l-Ħadd 27 ta’ Mejju 1973.

 

F’dawn il-festi ħadu sehem ukoll Mons. Prepostu Injazju Sciberras Psaila kif ukoll il-Kapitlu tal-Bażilika ta’ Sant’ Elena Birkirkara. Il-qofol ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet intlaħaq bil-pussess tal-Kappillan il-ġdid Dun Karm Aquilina li sar nhar is-Sibt 26 ta’ Mejju 1973. Il-Ħadd 27 ta’ Mejju 1973 saret akkademja mużiko-letterarja li fiha ħa sehem ukoll l-Eċċellenza Tiegħu l-Gvernatur Ġenerali Sir Anthony Mamo u l-Eċċellenza Tiegħu Mons Isqof Emmanuel Gerada.

Il-Bini taċ-Ċentru Parrokkjali
 

Avveniment importanti ieħor fil-ħajja ta’ din il-Parroċċa kien il-bini taċ-Ċentru Parrokkjali. Kien inħass il-bżonn li l-istess Parroċċa jkollha faċilitajiet fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ, l-għaqdiet ta’ l-appostolat u post ta’ rikreazzjoni onestà għall-membri tal-Parroċċa. Għalhekk f’Ġunju 1974 inxtrat biċċa art ftit passi ‘l bogħod mill-knisja parrokkjali biex fuqha jinbena dan iċ-Ċentru Parrokkjali.

Fit-18 ta’ Marzu 1976, lejlet il-festa ta’ San Ġużepp, saret Quddiesa konċelebrata fil-Knisja Parrokkjali u wara l-istatwa ta’ San Ġużepp Ħaddiem ġiet akkumpanjata sal-post fejn kien ser jibda l-bini taċ-Ċentru Parrokkjali u saret iċ-ċerimonja tat-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla. Bierek l-ewwel ġebla l-Arċidjaknu Mons. E. Vella (fl-assenza ta’ Mons. Arċisqof li kien indispost) u bħala parrini kien hemm il-Maġistrat Dr Giov. F. Gouder (chairman tal-Kumitat Ċentru Parrokjali) u s-Sur Joseph M. Sammut (chairman tal-Kunsill Pastorali Parrrokkjali ta’ dak iż-żmien).

Ix-xogħol fuq il-bini taċ-Ċentru mexa b’pass imgħaġġel. Sa Settembru 1978, ix-xogħol tal-ġebel kien tlesta kollu u f’dan ix-xahar ukoll saret l-ewwel attività fih. L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca qaddes quddiesa fil-bitħa taċ-Ċentru Parrokkjali (illum is-sala parrokkjali) u li għaliha attendew ħafna membri ta’ din il-Parroċċa.

F’Settembru ta’ l-1987 beda l-bini tas-sala fiċ-Ċentru Parrokkjali li kienet diġa ġiet ippjanata bħala parti mill-bini oriġinali taċ-Ċentru, iżda damet biex issir minħabba l-ispejjeż finanzjarji. Wara li tlestiet is-sala parrokkjali, il-bini taċ-Ċentru Parrokkjali tlesta minn kollox u ħa s-sura li naraw illum.

Dati importanti oħra fl-Istorja tal-Parroċċa
 

F’Settembru 1987, inxtrat id-Dar Parrokkjali fi Triq il-Mitħna li sservi bħala residenza għall-Kappillan li jkun qed iservi fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara.

 

Fl-10 ta’ April 1992, l-istatwa tal-Madonna tad-Duluri, xogħol ta’ Michael Camilleri Cauchi, tittieħed f’purċissjoni devota għall-ewwel darba madwar it-toroq tal-Parroċċa.

 

Fis-26 ta’ Mejju 1993, għoxrin sena anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa, saret il-konsagrazzjoni ta’ l-artal u l-knisja minn Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca. Waqt din il-quddiesa twaħħlu tnax-il salib ta’ l-irħam li nħadmu fid-Domus Dei ġewwa Ruma, fuq disinn ta’ Dun Ġino Gauci.

 

Fl-20 ta’ Lulju 1993, l-Iklin jinqata’ minn mal-Parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem u li sakemm inbniet il-knisja parrokkjali preżenti tal-Iklin, din kienet tagħmel parti mill-Parroċċa ta’ Ħal-Lija.

Kappillani li Servew fil-Parroċċa

  • Dun Karm Aquilina (Mejju 1973 – Awwissu 1979)

  • Dun Ġużepp Mifsud Bonnici (Amministratur sa Diċembru 1979)

  • Dun Salvin Micallef (Jannar 1980 – Novembru 1989)

  • Dun Vincenz Demicoli (Diċembru 1990 – Settembru 1996)

  • Dun Mario Tong (Ottubru 1996 – Awwissu 2003)

  • Dun Michael Bugeja (Settembru 2003 – Diċembru 2010)

  • Dun Josef Mifsud (Diċembru 2010 – April 2019)

  • Dun Charlon Muscat (April 2019 –    )

bottom of page