PARROĊĊA SAN ĠUŻEPP ĦADDIEM - BIRKIRKARA
MAGĦMUDIJA
Il-Magħmudija hija mument importanti ħafna fil-ħajja tal-bniedem u fil-ħajja tal-familja tiegħu. Fil-Magħmudija t-tarbija ssir iben jew bint Alla. Ngħammdu t-trabi tagħna għax nixtiequ li minn meta għadhom żgħar ikollhom b’sehem il-wirt li Alla għandu għal uliedu; ngħammduhom żgħar biex sa minn ċkejknin jitilgħu f’ambjent nisrani.
X’għandu jsir biex titgħammed it-tarbija?
1. Meta titwieled tarbija, l-ewwelnett għandha tiġi mniżżla fir-reġistru pubbliku (l-Insinwa). Jekk il-ġenituri jiddeċiedu li jgħammdu t-tarbija tagħhom, jiġu l-Uffiċċju Parrokkjali u magħhom iġibu ċertifikat tat-twelid tat-tarbija mill-Insinwa. Dan huwa essenzjali biex meta nirreġistraw il-Magħmudija tat-tarbija, id-dettalji jkunu l-istess.
2. Il-ġenituri għandhom jirreġistraw lit-tarbija fl-Uffiċċju Parrokkjali sabiex it-tarbija tirċievi l-Magħmudija.
3. Barra minn hekk, jekk il-ġenituri tat-tarbija jkunu joqgħodu f’Parroċċa oħra, iridu jġibu l-permess tal-Kappillan tagħhom bil-miktub. Dan għaliex, il-prattika tal-Knisja hi, li l-Magħmudija ssir dejjem fil-parroċċa fejn joqogħdu l-ġenituri, għalkemm ebda kappillan ma jsib diffikultà li jagħti l-permess meħtieġ.
4. Il-parrini jridu jkunu raġel u mara, iżda jista’ jkun hemm parrinu wieħed jew parrina waħda. Il-parrini jridu jkunu għalqu s-sittax-il sena, membri tal-Knisja Kattolika u jaċċettaw it-twemmin kollu Kattoliku, ma jittraskurawx it-tagħlim nisrani u jirċievu spiss is-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin, jafu li d-dmir tagħhom huwa li jgħinu lill-ġenituri biex irabbu lil uliedhom skond il-fidi tal-Knisja u jgħinu lil min jirċievi l-Magħmudija jikber fil-fidi, iħares il-kmandamenti u jħobb il-proxxmu kif għallimna Ġesù.
Il-parrini jridu jmorru għand il-Kappillan tagħhom u jiffirmaw dikjarazzjoni quddiemu. Għalhekk ma jistgħux jibagħtu lil xi ħaddieħor minflokhom, iżda jridu jmorru huma stess. Din id-dikjarazzjoni, imbagħad, il-ġenituri jgħadduha lill-Kappillan qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija. Dawk li, għal xi raġuni jew oħra, ma jkunux qed jgħixu f’sitwazzjoni regolari, ma jistgħux jagħmluha ta’ parrini.
Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Magħmudija
Fil-Parroċċa tagħna l-Magħmudija niċċelebrawha f’data miftiehma mal-Kappillan.
It-tarbija titlibbes l-abjad biex turi l-ħajja ġdida li se tirċievi. Il-libsa l-bajda (li titlibbes waqt iċ-ċelebrazzjoni stess) u x-xemgħa (li waqt iċ-ċelebrazzjoni tinxtegħel mill-ġenituri mill-Blandun), għandhom jinżammu b’tifkira għażiża tal-Magħmudija. Mhux ta’ min inħallu l-Qrar għall-aħħar. Għalhekk nieħdu ħsieb inqerru qabel.
Ritratti u Videos
Waqt il-Quddiesa jistgħu jittieħdu ritratti jew video, iżda dejjem għandna navżaw lil min ikun qed jeħodhom biex juża prudenza kbira, ngħidu aħna, m’hemmx għalfejn jieħu ritratti għal kull ċaqlieqa tal-qassis, għax inkunu qed intellfu minn dak li jkun qed isir.