PARROĊĊA SAN ĠUŻEPP ĦADDIEM - BIRKIRKARA
WENS
Is-solitudni hi problema li kulma jmur dejjem qed tikber f’pajjiżna. Għalkemm din il-problema tista’ tolqot lil kulħadd irrispettivament minn sess u età, hu fatt magħruf li l-aktar li huma milquta jkunu nies anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunità.
Il-parroċċa tagħna għandha parti mdaqqsa min-nies li jgħixu fiha li huma anzjani li jgħixu weħidhom li jkollhom bżonn lil kultant imur iżurhom xi ħadd biex ikollhom ma min jgħidu kelma u jiftħu qalbhom.
Għal grazzja t’Alla, fil-parroċċa tagħna diġa’ bdejna noffru dan is-servizz permezz ta’ numru ta’ voluntiera li wara li ngħataw taħriġ apposta mill-Aġenzija Appoġġ, bdew iżuru lil dawn in-nies li jgħixu fis-solitudni.
Din l-inizjattiva ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-parruċċani tant li żdied in-numru ta’ dawk li urew ix-xewqa li jibda jkollhom minn dawn iż-żjarat filwaqt li oħrajn jixtiequ li dawn ikunu aktar frekwenti milli huma sal-lum.
Għalhekk il-parroċċa qed issejjaħ aktar voluniera biex jattendu kors apposta li jibda f’Ottubru fiċ-Ċentru Parrokkjali li se jitmexxa minn uffiċjali tal-Aġenzija Appoġġ biex huma wkoll ikunu jistgħu jibdew jaqdu dan il-ministeru importanti.
Dawk li jixtiequ joffru ftit mill-ħin tagħhom lil ħutna li jgħixu weħidhom fis-solitudni huma mitluba javvaċinaw lill-Kappillan għal aktar dettalji.